Season 2013-14 - Hamrun Spartans Second Round - First Division
B’Buġa S.P. jagħmlu pass importanti lejn is-salvazzjoni
BIRŻEBBUĠA SP…...………….4
ĦAMRUN S....…............…….…..0
F’konfront min-naħa t’isfel tal-klassifika, Birżebbuġa St.Peter’s kisbu rebħa important ta’ 4-0 fuq Ħamrun Spartans b’dawn tal-aħħar jibqgħu fil-periklu serju tar-relegazzjoni. Għat-tim ta’ Patrick Curmi din ir-rebħa kienet ta’ nifs qawwi fl-aspirazzjonijiet tagħhom li jikkonfermaw posthom f’din id-diviżjoni. Partita ferm tajba għall-ex player ta’ Ħamrun, it-Taljan Giacomo Favero, illum player ta’ Birżebbuġa St. Peter’s.
Wara biss ħames minuti kienu Birżebbuġa li fetħu l-iskor meta GIACOMO FAVERO sab ix-xibka b’xutt fil-baxx. Il-partita kompliet tiżvolġi f’waħda movimentata fejn l-ewwel, xutt bid-dawra ta’ Ronnie Celeste ġie salvat minn Roderick Debattista filwaqt li fuq in-naħa l-oħra kien Christian Cassar li salva fuq tentattiv ta’ Ryan Spiteri. Sa tmiem l-ewwel taqsima ż-żewġ timijiet kellhom ċans kull wieħed, Antonio Pignataro għal Ħamrun u Giacomo Favero għal Birżebbuġa.
Sitt minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima, Birżebbuġa rduppjaw meta Giacomo Favero qassam lejn Ronnie Celeste, dan kompla lejn PAOLO CATALDI li kkonkluda fix-xibka mill-viċin. Ħamrun ippruvaw jagħmlu reazzjoni u fit-72 minuta kien il-goalkeeper ta’ Birżebbuġa li ċaħħadhom milli jnaqqsu l-iskor meta salva b’mod brillanti fuq daqqa ta’ ras ta’ Antonio Pignataro wara cross ta’ Jake Grech. Madanakollu, minuta biss wara, kienu Birżebbuġa li reġgħu sabu x-xibka meta GARY CARUANA kkonkluda fix-xibka azzjoni veloċi ta’ kontrattakk bejn diversi players. Bil-logħoba mirbuħa u mitlufa, is-Saints issiġġillaw ir-rebħa bir-raba’ u l-aħħar goal meta GIACOMO FAVERO reġa’ għeleb lil Debattista wara pass ta’ Paolo Cataldi.
BIRŻEBBUĠA SP : C. Cassar, R. Zammit, P. Grima, P. Camilleri ( R. Micallef ), D. Baldacchino, M. Hrubsa, G. Favero, F. Peplow, R. Celeste ( G. Caruana ), C. Calleja ( D. Grech ), P. Cataldi.
ĦAMRUN S : J.C. Debattista, A. Attard ( A. Micallef ), J. Grech, A. Borg, A. Pignataro, M. Deyanov, M. Cornago Del Pedro ( J. Felice ), R. Spiteri, S. Shead, L. Grech, D. Nazari.
Referee – Paul Apap.
Minn ‘l-Oriżżont’, it-Tnejn, 17 ta’ Marzu 2014.